Discover millions of ebooks, audiobooks, and so much more with a free trial

Only $11.99/month after trial. Cancel anytime.

Il-Kodiċi: Kuntatt: Il-Kodiċi, #1
Il-Kodiċi: Kuntatt: Il-Kodiċi, #1
Il-Kodiċi: Kuntatt: Il-Kodiċi, #1
Ebook378 pages3 hours

Il-Kodiċi: Kuntatt: Il-Kodiċi, #1

Rating: 0 out of 5 stars

()

Read preview

About this ebook

Fuq gżira fejn il-misteri jimxu id f'id man-nies, ittra anonima ma tantx tagħti fl-għajn. X'jiġri iżda jekk din l-istess ittra twitti t-triq għal odissea twila?

 

Żewġ persuni jinqabdu f'xibka kumplessa fejn, qalb logħob mentali u sorpriżi ma' kull kantuniera, jiskopru li d-drama ta' madwarhom hi biss pedament għal pjan ferm akbar u iżjed letali.

 

Kuntatt - l-ewwel volum fis-sensiela Il-Kodiċi

LanguageMaltese
Release dateSep 5, 2023
ISBN9798223513261
Il-Kodiċi: Kuntatt: Il-Kodiċi, #1

Related to Il-Kodiċi

Titles in the series (1)

View More

Related categories

Reviews for Il-Kodiċi

Rating: 0 out of 5 stars
0 ratings

0 ratings0 reviews

What did you think?

Tap to rate

Review must be at least 10 words

    Book preview

    Il-Kodiċi - Joseph Sultana

    ISBN: 978-9918-9542-2-3

    Stampat minn Draft2Digital

    Produzzjoni u Editjar: Joseph Sultana

    Qari tal-Provi: Laura Cachia

    Qoxra: Joseph Farrugia

    info@visionplus.org

    Daħla

    F’Settembru 2010 iddebutajt bl-ewwel novella tiegħi Misteru Ark-Anum: Kodiċi Hostis. Kellu jkun parti minn sensiela ta’ tmien kotba però, minkejja li erbgħa ħarġu, il-kumplament baqgħu biss magħluqin fil-memorja tiegħi minħabba li fi żmien erba’ snin iddeċidejt li nbiddel ix-xenarju fuq xiex nikteb.

    F’Novembru tal-2022, waqt li ġejt mistieden għal intervista rari, il-kliem reġa’ waqa’ fuq dawn il-kotba u, wara ħafna tlugħ u nżul, iddeċidejt li nerġa’ nipproponihom, jew almenu tal-inqas volum wieħed għalissa.

    Malajr fassalt pjan f’moħħi li kemm it-titlu u kemm in-narrazzjoni se jkunu differenti. Dan anke minħabba l-fatt li mill-manuskritt oriġinali neħħejt l-ekwivalenti ta’ ħamsin paġna filwaqt li saru bosta emendi f’ċerti rkejjen. Il-karattri prinċipali kollha għadhom hemm imma s-sitwazzjonijiet xi ftit jew wisq inbidlu.

    L-idea wara dan it-trattament il-ġdid hi biex noffri esperjenza unika lill-qarrejja ġodda u waħda ġdida fjamanta għal min qara dawn il-kotba l-ewwel darba lura fl-2010. Lil dawn tal-aħħar navżahom li hemm bidla sostanzjali f’element li qabel kien kruċjali fin-narrazzjoni iżda issa ħassejt li nista’ ngħaddi mingħajru. Ninsab ċert li ħa tindunaw għal xiex qed nirreferi, anke għall-fatt li l-qoxra tagħti ħjiel. Bidla oħra huma l-ismijiet tal-irħula - din id-darba kull raħal għandu l-isem propju tiegħu u kollox se jkun ġeografikament f’postu.

    Mhu se nikxef xejn iżjed imma f’idejkom biex tesploraw Il-Kodiċi - fejn il-logħba għadha għaddejja... wara tlettax-il sena. 

    Testimonjanzi

    "Xħin tibda taqrah ma tkunx tista’ terħieh minn idejk.

    Iħallik bil-kurżità sal-aħħar." R. Buttigieg

    ––––––––

    "Għoġobni immens l-istil ta’ kitba iktar minn xejn.

    Jien u naqra bdejt nistħajjilni qiegħed nara film." A. Mangion

    ––––––––

    Il-fatt li l-awtur jipprova jagħti widen għall-kummenti u s-suġġerimenti tal-qarrejja juri biċ-ċar li hu kittieb umli u li jixtieq jikteb aħjar kemm għall-gost tiegħu personali kif ukoll għall-qarrejja. Din l-attitudni u dan il-kuntatt ma rajtu fl-ebda kittieb ieħor Malti. S. Abela

    ––––––––

    Bħala persuna li normalment ma naqrax dan l-istil ta’ kotba, nista’ ngħid li ma stajtx nitilqu minn idi u qrajtu f'kemm ilni ngħidlek. Nistenna bil-ħerqa li naqta’ l-kurżità tiegħi fil-volumi li jmiss. J. Smith

    ––––––––

    "Prosit ħafna ta’ dan l-ewwel ktieb. L-istil tiegħek huwa uniku

    u jolqot ħafna l-għajn." M. Sciberras

    ––––––––

    L-istorja kif inhi mibnija turi fi żgur li bosta affarijiet oħra għadhom iridu jiġru fil-volumi li jmiss. Wieħed jibda jissoponi ħafna kif il-misteri jistgħu jissolvew  imma l-istorja tidher maħsuba sewwa mill-awtur u mhux malajr taqtagħha.

    L. Muscat (Beraq fil-Bnazzi)

    Karattri

    F’dan il-volum

    Aħwa   Albert, 35 sena

    Brian, 31 sena

    Alkoħolista  Charles, 41 sena

    Armla   Irene, 48 sena

    Awtriċi  Megan, 33 sena

    Bassara  Veronica, 55 sena

    Għalliema  Anne, 28 sena

    Naomi, 32 sena

    Maniġer  Ewġenju, 56 sena

    Negozjant   Kurt, 34 sena

    Parrokkieri  Amanda, 22 sena

    Deborah, 21 sena

    Pittur   Adam, 36 sena

    Prostituta  Brooke, 28 sena

    Tfal tal-Primarja Claudia, 10 snin

    Lucy, 10 snin

    Żgħażagħ  Crystal, 18-il sena

    Dylan, 18-il sena

    Korp tal-Pulizija

    Pulizija  Helen, 25 sena

    Surġenti  Dumink, 46 sena

    Emanwel, 41 sena

    Spetturi  Walter, 33 sena

    Mark, 48 sena

    Supretendent Rafel, 45 sena

    Asst

    Kummissarju Tonio, 50 sena

    Kummissarju Franġisk, 53 sena

    Il-Kodiċi

    Kuntatt

    Prologu

    L-10 ta’ Jannar

    ––––––––

    Sar ħin l-ikel fil-ħabs ta’ Kordin. Joel, wieħed mill-għassiesa, ta l-kmand biex jinfetħu l-bibien. Miċ-ċelel ħarġu l-ħabsin li dritt ifformaw linja. Dlonk innutaw li kien hemm ħafna spazju bejn żewġ priġunieri u fil-fatt min kien f’dik iċ-ċella ma ħariġx.

    Laurel, li kien qed josserva b’karta lesta f’idejh, għamel ġest b’rasu lil sieħbu.

    ‘Donnu hemm xi wieħed ma ħariġx.’

    Wieħed mill-ħabsin induna li dak fiċ-ċella ta’ maġenbu ma kienx warajh u fettillu jħares lejn iċ-ċella.

    ‘Eh Chief... naħseb aħjar tiġi tittawwal...’ qallu dan hu u jiftaħ par għajnejn daqsiex.

    ‘Il-ħanina...’ qal il-priġunier ta’ warajh, hu wkoll issa josserva x’ħasad lill-ieħor.

    Joel ħares lejn Laurel.

    ‘Min hemm f’dik iċ-ċella?’

    ‘Belkin,’ qalu t-tlieta li huma kważi flimkien.

    Joel nefaħ.

    ‘L-istramb tas-soltu. Ħa nara xi ġralu.’

    B’idejh lesti fuq il-bastun, għajjat ismu.

    ‘Belkin! Ejja xbin, wasal il-ħin tal-ikel.’

    ‘Ma naħsibx li se jisimgħek Chief,’ qallu l-priġunier għadu ma jridx jemmen lil għajnejh.

    Joel ma tax kas x’qallu l-priġunier imma xorta ħares ġewwa bi prekawzjoni kbira.

    ‘Belkin! Int jaqaw m’għadekx tisma’? Ejja ħaffef, oħroġ minn hemm! Belkin! Belk...’

    Joel ma kienx ippreparat għas-sorpriża li kienet qed tistennieh... għajnejh minn isfel sparaw ’il fuq.

    Laurel ra lil Joel jinġibed lura xxokkjat.

    ‘X’ġara Joel?’ staqsieh jgħajjat.

    Sadanittant kull min kien preżenti dar iħares kurjuż lejn l-għassies.

    ‘Għandna bżonn li nġibu d-Direttur u lil Dr Mercieca hawn isfel malajr!’ qal Joel allarmat. ‘Belkin għadu kemm...’ u għamillu mossa li kienet ċara biżżejjed f’għajnejh x’setgħet tfisser.

    Laurel minnufih qabad ir-radju u sejjaħ lil xi ħadd biex javża lid-Direttur u lit-tabib. Sakemm ġew, il-priġunieri ntalbu biex jerġgħu jidħlu temporanjament fiċ-ċelel tagħhom, minkejja li dan ġara qalb protesti u lmenti.

    Malli waslu t-tnejn laħqu deċiżjoni unanima. Kellha tinfetaħ inkjesta Maġisterjali.

    L-Ewwel Parti

    L-Ittra

    Il-11 ta’ Jannar

    ––––––––

    11:03

    Deborah u Amanda kienu jaħdmu ma’ xulxin fl-istess ħanut tax-xagħar. Kien ħanut li jagħmel parti minn ħafna blokok ta’ appartamenti fi Triq Sir Luigi Preziosi, f’San Pawl. Mingħajr wisq tiżjin ilellex u b’kapaċità li jesa’ mill-inqas sitt persuni, il-post kien sempliċi u arjuż. Il-klijenti regolari tagħhom kienu fil-biċċa l-kbira nisa ta’ età matura.

    Iz-ziju ta’ Deborah kellu bosta appartamenti f’idejh; xħin sar jaf li t-tfajliet qed ifittxu post tajjeb biex jibdew jaħdmu fih, hu mill-ewwel offrielhom spazju modest bi prezz raġjonevoli. 

    Iż-żewġ tfajliet ħadu korsijiet tax-xagħar flimkien u, ta’ tlieta u għoxrin sena, iddeċidew li jiftħu negozju bejniethom.

    Il-ħanut semmewh Hairflow.

    ‘Hello, Hairflow. Fiex nista’ naqdik?’ staqsiet Deborah tirrispondi telefonata, waqt li ħadet pawsa minn fuq klijenta. ‘...kollox sew... fhimtek... mhux problema... dak nirranġaw xi ħaġa tinkwetax... u żgur mela!... grazzi ħafna... saħħa...’

    Kitbet xi noti fuq djarju u ħarset lejn Amanda.

    Huma se jerġgħu jiġu hawn il-Ħadd. Taħseb li tiflaħ għalihom?’

    Amanda qalbet għajnejha.

    ‘Ġa t-tielet darba f’xahar! Mela għadhom ma indunawx li ġa qbiżna l-ewwel tas-sena?’

    Deborah tbissmet teħodha bħala iva. Għalqet id-djarju tħalli l-page marker imdendel mal-bank u ħelset mill-klijenta ta’ quddiemha li donnha ma riditx tieqaf tredden!

    Il-15 ta’ Jannar

    ––––––––

    08:06

    Kienet għadha lanqas daret mal-blokk li ma sabitx grupp żgħir ta’ nisa jistennewha. Il-klijenti regolari li b’devozzjoni kbira kienu jmorru hemm minn kmieni ħalli jinqdew. Nisa mdaħħlin fiż-żmien li l-idejn maġiċi ta’ Deborah u Amanda kienu jnaqqsulhom għoxrin sena minn fuqhom kull darba. Grazzi għal dawn il-ħarrubiet li tista’ tgħid l-isem tal-ħanut tagħhom xtered sew.

    ‘Skużawni għax domt,’ nidmet Deborah li ħaffet tiftaħ il-ħanut. Imma ma tatx spjegazzjonijiet ulterjuri.

    ‘Tinkwetax ruħi. Ħu l-ħin tiegħek,’ qaltilha s-Sinjura Inglott.

    L-oħrajn komplew magħha hekk kif l-għodwa baqgħet tiċċara aktar fuq l-orizzont.

    Daħlu ġewwa, sabu siġġu, poġġew bilqiegħda u qagħdu jistennew.

    Deborah xegħlet ir-radju li f’dak il-ħin kien qed ixandar l-aħbarijiet.

    L-ewwel waħda minnhom kienet is-Sinjura Stafrace li kellha aktar ġojjelli fuqha milli ħwejjeġ. Din waslet qabel is-Sinjura Bonello, li wieħed seta’ jaħlef li f’dik l-għodwa ħliet pakkett terra fuq wiċċha daqskemm kienet tidher bajda; li waslet qabel is-Sinjura Meli, mara li daqskemm hi ċajtiera hi responsabbli li terfa’ s-slaleb tan-nies ta’ fejn toqgħod. Is-Sinjura Inglott spiċċat l-aħħar imma xejn ma ddejqet. Bejn li taqra rivista tal-moda, bejn li tnaqqar xi gallettina u bejn li tirrapporta u tikkonsulta fuq il-ġrajjiet kurrenti, il-ħin kien itir.

    Amanda waslet ukoll ftit wara. Sellmitilhom b’ġirja u mingħajr telf ta’ żmien meddet idejha għax-xogħol.

    Sagħtejn wara l-pustier ġie jqassam l-ittri. Is-soltu Jürgen kien jara jsibx mezz biex ma jeħilx iparla ma’ dawk li fis-snin ħamsin kien għad fadal tama li xi ħadd jiġborhom. Inzerta imma li dakinhar ma tantx kien hemm u għalhekk daħal aktar kalm.

    ‘Bonġu Jürg. Kif int?’ Laqgħetu Deborah li kienet ilha tafu s-snin.

    ‘Bonġu lilkom. Jien tajjeb grazzi u qed nara li intom orrajt ukoll.’

    ‘Naħseb li int orrajt aktar minna,’ għemżitu minn taħt, iġġiegħlu jifhem li kien qiegħed f’ħanut mimli nisa.

    ‘U żgur!’ qalilha sarkastikament hekk kif bl-ebda mod ma ried iqabbel dawn l-anzjani mkemmxa mal-allat nisa moderni.

    ‘X’ġibtilna sabiħ? Kontijiet tad-dawl u l-ilma? Dawk tista’ titfagħhom fejn saqajn Amanda.’

    Hemmhekk kellhom barmil taż-żibel.

    ‘Mhux kontijiet,’ qalilha jiċċekkja l-mazz envelops li kellu f’idejh. ‘Imma dawk jidħlu f’darek anke bil-kaxxa tal-posta maqlugħa! Li għandi ftit katalogi fuq xi prodotti tas-saħħa li għadhom kemm ħarġu għall-bejgħ...  jew hekk naħseb li huma.’

    ‘Ħa nara,’ qaltlu Deborah tittawwal. Malli lemħet sentenza tgħid: ...trattament tax-xagħar għas-sbuħija ta’ kuljum..., qabdet il-karta twila mitwija fi tlieta u żammitha. ‘Almenu dan l-artiklu nista’ niġi bżonnu.’

    ‘Jien le imma,’ iċċajta Jurgen hekk kif ħakk il-qargħa ta’ rasu li lanqas il-briegħet ma kien ifittixha biex joqgħod fuqha. ‘Ħallejtkom ladies. Bil-għaqal.’

    ‘Min tkellem! Għadek ma xbajtx tgħabbi Russi int u tqassam il-posta?’

    ‘Żvediżi,’ ikorreġieha, għemiżha u għeb.

    ‘X’fih dak il-mingħul!’ daħket Deborah.

    Amanda approvat billi mejlet rasha. Fil-fond ta’ qalbha kienet ħadet grazzja miegħu.

    Is-16 ta’ Jannar

    ––––––––

    09:30

    Għajnejn it-tfal kienu msammrin fuqha.

    B’ħeffa li issa idha l-leminija dratha sew Anne Apap kitbet żewġ sentenzi fuq il-bord bajdani. Kienet qed tgħallimhom it-Taljan. Ħassitha barka li t-tfal kienu jaraw stazzjonijiet Taljani u jifhmu l-kliem (u dan iż-żmien bl-internet il-ħajja bdiet teħfief aktar) madanakollu xorta ma kinux jafu jiktbuh kif titlob is-sistema skolastika.

    Fuq nota personali l-Italja kienet tħobbha. Il-pajjiż forma ta’ sieq kien wieħed mill-artijiet minn fejn ħarġu artisti kbar u leġġendarji. Biżżejjed wieħed isemmi ’l Dante Alighieri u Leonardo Da Vinci biex tifhem il-maħżen ta’ riżq kulturali marbut magħha. Il-lingwa Taljana kienet ukoll waħda mir-raġunijiet għalfejn laħqet għalliema. Bil-Malti u l-Ingliż tafhom bl-amment, ħasset ix-xewqa li tkun ta’ strument ħalli l-istudenti jsiru midħla ta’ lingwa oħra.

    Il-passjoni lejn il-lingwi tnisslet fiha meta darba ġie f’idejha ktieb antik bil-Latin. Ta’ tifla żgħira li kienet ipprovat taqrah; ma setgħetx tifhmu. Irrealizzat kif il-Malti ma kienx l-uniku mezz biex titħaddet fid-dinja; anzi kien fil-minuranza. Tħabbet mal-Ingliż u warajh ġie t-Taljan.  Hi u tikber u timmatura ħadet anke korsijiet tal-Franċiż u l-Ġermaniż. Darba fost l-oħrajn tħajret tistudja saħansitra r-Russu u l-Ispanjol. Ġara imma li minħabba bosta impenji kellha tbaxxi rasha u ċċedi wħud mis-suġġetti.

    Rat it-tfal qed jinteressaw irwieħhom. Ipprovat kemm setgħet biex il-lingwa tniżżilha għal-livell tagħhom ħalli anke huma japprezzaw dak li kienet qed tfehemhom b’tant ħerqa.

    Malli l-lezzjoni waslet fi tmiemha, Anne għalqet b’avviż. Fi żmien ħmistax kienet se teħodhom fuq ħarġa edukattiva. Iż-żjara kellha twassalhom sal-belt antika tal-Imdina. L-iskop kien li jagħmlu proġett annwali. ‘Il quddiem dan kellu jiġi ppreżentat lis-surmast.

    M’għandniex xi ngħidu, it-tfal bdew joqomsu bil-ferħ!

    L-24 ta’ Jannar

    18:56

    Nifisha kien se jinqata’ għal kollox.

    Għarkopptejh maġenb sodda, jitriegħed qisu werqa niexfa lesta biex tinqata’ mis-siġra, għajnejn Dylan kienu fissi fuqha. Dik il-mara tmintax-il sena qabel tagħtu l-ħajja. U issa, bħal seħer imxajtan, din l-istess mara kienet se titlef tagħha.

    Marda qalila sammritha mas-sodda u Alla jaf kemm tobba ġew jarawha. L-ispjegazzjoni medika sfaxxat fix-xejn hekk kif Ineż marret dejjem għall-agħar. Mix-xjenza daru għar-reliġjon. Talbu fuq li talbu imma donnu Alla għalqilhom il-bieb f’wiċċhom. Ma setgħux isibu mistrieħ. It-tama li jerġgħu jarawha ħajja mietet kif miet moħħha wara xhur tissielet kontra dak li ħakimha.

    Idejhom kienu magħqudin flimkien f’sens ta’ mħabba fonda. Kienet rabta soda twiegħed rebħa fuq kull ostaklu. Ġara imma li, għal din id-darba, il-mewt ħarġet titrijonfa.

    Fl-aħħar sekondi qabel ruħha ħalliet id-dinja, b’għajnejha kkonċentrati fuq ħarstu, tenniet ħames kelmiet: ‘Dylan, kompli ħobb lil Alla.’

    B’dik is-sentenza ssiġillat it-tmiem tagħha mal-ħajjin.

    Minn ġewwa Dylan ħassu jmut magħha, imma minn barra kien fadallu saħħa biżżejjed biex iqum u jbusha fuq moħħha. Missieru kien preżenti u ma felaħx jara ’l ibnu f’dak l-istat. Ġibdu lura bi ħlewwa kbira u għannqu miegħu qisu kien xi tarbija. Huwa u jiġbdu Dylan laqat id ommu. Ġo fiha kien hemm kuruna tar-rużarju. Il-kuruna waqgħet fl-art mingħajr tbatija.

    Xħin ikkalma ħares lejha u ra l-ġisem ta’ Kristu moħbi taħt is-salib ċkejken.

    Minkejja l-kliem t’ommu, għal Dylan Alla kien spiċċa. 

    ––––––––

    Il-25 ta’ Jannar

    14:18

    L-ordni li xtrat inħatfet f’ħakka t’għajn. Kienu prodotti tax-xagħar minn kumpanija barranija li permezz ta’ propaganda qawwija fuq il-mezzi tax-xandir għamlet impatt kbir. Min kien jifhem u jieħu ħsieb xagħru sew xeba  jistenniehom biex jaslu fil-Gżejjer Maltin. Deborah ħasbet biex tixtri ammont konsiderevoli ħalli tbiegħu lill-kljienti tagħha. Kif bassret, ma qagħditx tnewwaħ sabiex ħelset minnhom!

    Il-jum għadda u issa t-tfajliet kienu qed inaddfu l-ħanut. Balal ta’ xagħar kienu jiksu l-art qishom tapit ikkulurit. Ma kellhomx ħanut kbir u peress li t-tindif kien jeħdilhom biss ftit minuti xi kultant kienu jintelqu apposta biex joqogħdu jparlaw ftit bejniethom.

    Dakinhar il-klijenti kienu familja sħiħa li wara nofsinhar kellhom jassistu għal tieġ ta’ membru ieħor. Din il-familja kellha bosta ħbieb milli jidher għax anke jekk kien wasal tmiem l-ewwel xahar tas-sena, in-nies baqgħu jistednuhom għall-festini privati. Bdew jiċċelebraw qabel kulħadd mal-wasla ta’ Diċembru u jieqfu wara kulħadd. Mhux ta’ b’xejn li meta reġgħu ċemplu Amanda tbellhet.

    Deborah fetħet minn kmieni apposta biex tlaħħaq ma’ kollox u stajt tgħid li ħadmet għalihom biss. Amanda min-naħa l-oħra damet ftit ma waslet u dan taha kemxejn diffikultajiet. Xħin ħelsu pprovat tkellimha bħala ħabiba tajba għax ma riedet għall-ebda raġuni fid-dinja tiġġieled minn magħha.

    ‘Amanda, int għadek b’dik il-problema? Għalhekk domt illum?’

    It-tfajla waqfet ħesrem mill-knis.

    ‘Deborah taf daqsi li jien b’dik u b’oħra biss imsallba.’

    ‘Ipprovajt tkellimha almenu?’

    ‘Ħlejt bżieq aktar milli suppost. Imma hi mhix tip li tirraġuna magħha. Taf kemm għadha antika. Jekk hi tridni nagħmel hekk, hekk tippretendi. Għadek ma tafx mil-liema infern qed tgħaddini! Qabel meta kont għadni nistudja kienet iġġennini biex infittex insib xogħol ħalli nibda naqla’ x’niekol waħdi. Issa li sibt qed tmaqdarni għax mhux xogħol addattat għaliha.’

    ‘U r-raġuni baqgħet l-istess?’

    ‘Taħseb li b’xi mod tista’ tinbidel? Minn twelidha b’mentalità ta’ Ħaġar Qim u li kieku l-mowbajls u l-internet mhux jgħinu lil missieri f’xogħlu kieku saħansitra tiċħad li jeżistu!’

    ‘Daqshekk gravi?’ staqsietha Deborah kemxejn imbissma u mistagħġba.

    ‘Għadek ma tafx x’qarnita fiha! U għandha ras taż-żonqor! Ma nafx kif missieri żżewwiġha! Naħseb li qata’ qalbu minn nisa kollha tad-dinja!’

    Deborah din id-darba infaqgħet tidħak.

    Amanda tatha ħarset serja hi u tkemmex xufftejha.

    ‘Skużani, imma vera għidtha bi ħlewwa liema bħalha!’ Stqarret Deborah.

    ‘Hux?’ qalet Amanda b’ironija. ‘U jien biex indaħħkek ftit għax qed tkun wisq serja qalbi!’

    Deborah issoktat tiknes.

    ‘Tafni, minni serja. Għall-anqas, nerġa’ naqbeż fuqek, ma żammitekx milli toħroġ.’

    ‘Żammitni?’ Amanda fetħet ħalq daqs bokka ta’ għar. ‘Hekk messha! Kieku forsi kont inġagħlha tmur tqerr tad-dagħa li ġġagħlni ngħid!’

    ‘Trid tammetti imma li xi ħaġa tajba wriet mingħandha,’ qalet Deborah tarmi l-aħħar fdal tax-xagħar fl-ixkora taż-żibel.

    ‘Ilsienha,’ ammettiet Amanda bla tlaqliq.

    ––––––––

    1

    ––––––––

    15:06

    Lura d-dar ma kien hemm ħadd. Ma ħadithiex bi kbira għax f’dak il-ħin ommha u missierha kienu joħorġu jduru bil-karozza. Neħħiet il-handbag minn ma’ spallitha u marret fil-kċina tagħmel kisra ħobż bil-ġobon slajs u l-perżut. Xegħlet it-televiżjoni u tefgħetu fuq il-kanal tal-moda. Bdiet tnaqqar il-ħobż hekk kif serrħet saqajha.

    It-telefown daqq.

    Qamet minn postha u marret tirrispondi.

    ‘Ħelow? Min hemm?’

    ‘Bħallikieku m’għaraftnix!’ wieġeb ġuvni min-naħa l-oħra tal-linja.

    ‘Ara l-ieħor!’ għarfitu dlonk. ‘Mela int ma kellekx tibgħatli qabel iċċempel?’

    ‘Taħseb li nsejt? Imma xi ħadd ħalla l-mowbajl mitfi!’ qalilha sarkastikament.

    Dak il-ħin ftakret li tfietu biex ma jtellifhiex waqt ix-xogħol.

    ‘Illajs skużani! Issa qed niftakar!’ tat daqqa ta’ id fuq moħħha.

    ‘Ma ġara xejn. Ħadd ma twieled perfett,’ maqdarha bi ħlewwa.

    ‘Kemm botti ġejjin illum qed ngħid!’ gergritlu minn taħt.

    ‘Drajtni suppost s’issa,’ żied il-ġuvni b’ħarira nkejja f’leħnu. ‘Ħares, aħna llejla ħa niltaqgħu?’

    ‘Jekk trid int,’ qaltlu ma tinstemax daqshekk eċċitata.

    ‘Ovvja li rrid!’ tmasħan hu mhux kuntent bit-ton ta’ leħinha. ‘Ngħaddi għalik fis-sitta, tajjeb?’

    ‘Iva,’ ikkonfermat tigdem biċċa ħobż oħra. ‘Ħu paċenzja stennieni fejn il-post tas-soltu.’

    ‘Quddiem il-latrina?’ staqsieha jżid doża oħra ta’ dwejjaq f’leħnu.

    ‘Jekk jogħġbok!’

    Għal ftit sekondi qosra ma nstema’ xejn fuq il-linja.

    ‘Mela għadek ma semmejtilhom xejn lil tiegħek?’

    ‘Inqas ma jkunu jafu aktar aħjar,’ tenniet Amanda tbaxxi leħinha qisha qed tiġi spijata. ‘Ommi speċjalment tqaxxarni ħajja jekk kelma waħda biss taqbeż f’widintha. Imbagħad ħoll xagħrek u ġib iż-żejt għax l-Assedju l–Kbir jinqala’ hawn ġewwa! Emminni aħjar xejn.’

    ‘Kollox sew, għalissa,’ qal il-ġuvni b’geddum sal-art. ‘Żomm imma f’moħħok li xi darba jew oħra trid taffrontaha. U sakemm jasal dak iż-żmien, ikun ġa tard wisq.’

    ‘Lil ommi warrabha għal minuta min-nofs,’ qaltlu rritata. Ma riditx tagħtih raġun minkejja li kellu biex ibiegħ. ‘Dik b’xi mod jew ieħor inkellimha. Ejja minflok niffukaw fuq dak il-klabb.’

    ‘Emmm, taf daqsi li dak mhux eżatt klabb,’ ikkoreġieha minnufih.

    ‘Hu x’inhu. Jekk jien irrid immur hemm, mhix se ċċaħħadni hi. Issa sirt kbira biżżejjed biex naqdef għal rasi. Int ma taqbilx miegħi?’

    Il-ġuvni tkellem maħsud qisu għadu kemm qam minn raqda.

    ‘Iva, iva... m’iniex nagħtik tort. Jien kulma rrid narak mingħajr ma jinqala’ l-inkwiet.’

    ‘Tiħux ħsieb fuq daqshekk. Mela llejla għall-iSkin Tease u fil-kamra tas-soltu hux hekk?’ staqsietu tagħmel reviżjoni tal-pjan.

    ‘U magħha żied is-servizz tax-xampanja,’ qalilha leħnu jerġa’ jirtab, isir iżjed senswali u provokattiv.

    ‘Isa ħej. X’int ġentlom! Nissoponi li se tħallas kollox int?’

    ‘Naturalment jekk wara hemm l-inċentiv,’ issokta jitqarqaċ ftit.

    ‘Ħalli f’idi. Għamilni kuntenta u ma jiddispjaċikx. Tlaqt għalissa, sbejjaħ.’

    ‘Kun imbierka,’ temm jgħidilha.

    Tinstema’ qisek ommi qaltlu f’qalbha.

    ––––––––

    2

    ––––––––

    Passat

    Omm Amanda kienet mara tal-knisja u ma kinetx titlef quddiesa waħda. Bintha min-naħa l-oħra lanqas kienet taf xi tfisser tagħmel ġenuflessjoni. Minħabba f’dan il-kuntrast bejniethom kienu jinqalgħu ta’ spiss kwistjonijiet jaħarqu. Waħda tissikkaha biex tibża’ għal ruħha, l-oħra tgħajjarha antika.

    Għal Amanda r-reliġjon kienet tiġi l-ħames post wara l-flus, il-pjaċiri, il-ħbieb u l-familja (l-ammirazzjoni tagħha xxaqleb aktar lejn missierha). Mhux għax ma kienet temmen b’xejn imma l-opinjoni tagħha tal-Knisja kienet tasal biss sal-punt li tpoġġi bilqiegħda ssaħħan il-bank iebes tal-injam u tisma’ l-prietki monotoni tal-qassis.

    Il-qari tal-Vanġelu ma kien ifisser xejn għaliha. Apparti minn hekk it-tqarbin kienet tarah biss bħala skuża tajba biex in-nies taħbi l-ipokrezija maħmuġa tagħha. Barra fit-triq kienu jkasbruk b’ilsienhom u jixluk b’għajnejhom. Ġewwa jibjadu bħall-qaddisin! 

    Il-midinbin fil-knisja qegħdin.

    Mhux kif kienet taħseb l-imsejkna ommha: Il-ħażen ma jistax jirfes mill-bieb tal-knisja ’l ġewwa.

    Sa minn ċkunitha ommha kienet taħseb ħafna affarijiet fuq il-futur imċajpar ta’ bintha. Saħansitra ħolmot li din xi darba għad tilħaq soru. Fil-bidu, meta t-tifla ma kinetx għadha tifhem xi tfisser attrazzjoni sesswali, kien hemm forsi tama remota għal vokazzjoni spiritwali. Iż-żmien jagħtina parir jgħidu, u l-immaġni ta’ soru, imsejjħa pingwini mill-ġenerazzjonijiet għorrief ta’ żmienna, baqgħet imwaħħla sod fil-qargħa ta’ rasha sakemm issaddet. 

    Amanda kibret u ċ-ċirkostanzi tal-ħajja ġagħluha tieħu ideat differenti fuq ir-reliġjon. Ma nbidlitx f’atea imma lanqas kellha xi devozzjoni għamja.

    F’din it-triq tan-nofs bniet ħajjitha mhux fuq fidi u morali imma ħelsien u loġika. Kienet toħroġ u tiltaqa’ ma’ min trid bla ma tħossha ħatja ta’ kemm in-nies qed iseksku fuqha. L-aħbar ġriet sa widnejn ommha li lsienha ma żammitux magħluq.

    Wara kull tmiem il-ġimgħa tgħidx kemm ġlied jinqala’ f’darhom u l-kliem li jingħad kien iġiblek għajnejk wara widnejk! Amanda bdiet tqajjem rixha sew u ma riditx min jikkmandaha. Ommha kienet tinfileġ twissiha u f’dak il-perjodu delikat kienet ħliet saħħitha tipperswadiha biex tieqaf. Missierha xi drabi kien jaqbel m’ommha imma kultant kien jerħi ftit idu. B’dan l-atteġjament jitbandal in-nisa ma setgħux isibu mistrieħ f’xulxin. Huma kienu jfittxuh għal parir imma hu kważi qatt m’għaraf iżomm bilanċ.

    Il-ġlied issokta...

    Amanda qabdet sewwa t-triq tax-xalar u ma riditx iddur lura minnha. Għamlet ħbieb ġodda, bosta minnhom kienu ġuvintur. L-aħħar wieħed li għoġbu jsir jafha kien Felix.

    Felix kien ġuvni bħall-oħrajn li malli sab iċ-ċans tajjeb beda jagħtiha l-kunfidenza. Kien jaf li Amanda kienet iddur minn wieħed għal ieħor u għalhekk ma fassalx pjanijiet f’moħħu ta’ relazzjoni serja. Hi ma kinetx tal-ġabra u hu ried igawdi. Illum nidħku kemm nifilħu, l-għada jintesa kollox qisu qatt ma ġara xejn.

    It-tnejn li huma daħlu fid-dinja konfuża tal-adulti.

    Is-26 ta’ Jannar

    16:30

    Fosthom kien hemm ġuvni rrabjat.

    Is-soltu l-funerali kienu okkażjonijiet ta’ biki imma l-emozzjonijiet ta’ Dylan kienu ferm ’il bogħod minn hekk. Kulħadd ħaseb li kien jidher b’qalbu maqsuma meta fil-fatt hu kien qed iħoss biss rabja kbira. Din kienet ilha tikber ġo fih għal ħafna snin u issa waslet biex taqbeż il-limitu. Madanakollu Dylan żamm kontroll u ma ħallihiex tisplodi.

    Mhux għalissa...

    Minflok iffoka ħarstu fuq tliet suġġetti:

    Il-mara mejta li ħabb.

    Il-missier imbikkem li sogħob għalih.

    Ir-Raġel fuq is-Salib li bagħad.

    It-tlieta li huma kellhom storja x’jirrakkontaw. L-ebda waħda ma kellha fil sodisfaċenti.

    Silenzju kbir kien ġej mill-ġisem bla ħajja mistrieħ maġenbu. Moħħ Dylan ġab lura memorji ħajjin ta’ episodji ħelwin mit-tfulija tiegħu. Waqt li ftakar fl-ewwel darba li għallmitu jorbot il-lazz taż-żarbun, jew f’okkażjonijiet differenti fejn hu għenha ssajjar - apparti biżibilju ta’ sitwazzjonijiet oħra - tbissima mqanżħa tfaċċat fuq wiċċu. Dawk kienu affarijiet sempliċi

    Enjoying the preview?
    Page 1 of 1