Discover millions of ebooks, audiobooks, and so much more with a free trial

Only $11.99/month after trial. Cancel anytime.

It-Taàr: Distopja, l-ewwel ktieb
It-Taàr: Distopja, l-ewwel ktieb
It-Taàr: Distopja, l-ewwel ktieb
Ebook127 pages1 hour

It-Taàr: Distopja, l-ewwel ktieb

Rating: 0 out of 5 stars

()

Read preview

About this ebook

Wieħed u sebgħin sena wara gwerra nukleari dinjija, il-ħajja tkarkar 'il quddiem b'ritmu mkisser, filwaqt li l-farka bnedmin li fadal jitwieldu, jgħixu u jmutu f'dinja mifnija mard li kulma jmur qiegħda tinbidel f'deżert radjuattiv. F'dik il-ħerba u disperazzjoni, tifel t'erbatax-il sena jissielet mal-ħajja fid-dell ta' torri kbir u misterjuż li baqa' inpenetrabbli għal għexieren ta' snin. Xi ħaġa iżda, se tinbidel dalwaqt.

LanguageMaltese
PublisherJohn Bonello
Release dateDec 31, 2017
ISBN9789995711436
It-Taàr: Distopja, l-ewwel ktieb
Author

John Bonello

John A. Bonello is the author of the fantasy trilogy for young adults Il-Logħba tal-Allat (The Game of the Gods), the duology for adults Unus Mundus and the series of detective novels for children Irvin Vella, Virtual Investigator. He won the Malta National Book Award five times. He lives in his grandfather’s house, in the remote village of Dingli, on the island of Malta.

Reviews for It-Taàr

Rating: 0 out of 5 stars
0 ratings

0 ratings0 reviews

What did you think?

Tap to rate

Review must be at least 10 words

    Book preview

    It-Taàr - John Bonello

    IT-TAÀR

    DISTOPJA L-EWWEL KTIEB

    John A. Bonello

    Copyright © John A. Bonello 2017

    Smashwords Edition V2

    Il-jeddijiet tal-pubblikazzjoni miżmuma minn Serafin Books u John A. Bonello. Dan il-ktieb qed jinbiegħ bil-kundizzjoni li ma jistax jinsilef, jerġa’ jinbiegħ jew jingħata b’xejn f’xi għamla jew legatura oħra ħlief kif inhu ppubblikat. Ma jista’ jsir fih ebda tibdil. Ebda silta minnu ma tista’ tiġi ppubblikata jew maħruġa b’mod fotostatiku jew b’xi mod ieħor mingħajr il-permess tal-awtur.

    Din l-ewwel edizzjoni 2017

    ISBN print: 978-99957-1-142-9

    ISBN ebook: 978-99957-1-143-6

    Pubblikazzjoni Serafin Books

    33, Triq il-Kbira, Ħad-Dingli DGL1832, Malta

    www.johnabonello.com

    johnabonello@gmail.com

    Qoxra: Derek Fenech

    http://derekfenech.com/

    Futility is the defining characteristic of life. Pain is proof of existence.

    Stephen R. Donaldson

    Lord Foul's Bane (The Chronicles of Thomas Covenant the Unbeliever, #1)

    Il-ġrajja li se taqra ġrat fil-ġejjieni. Ġrat fl-imgħoddi u qiegħda sseħħ bħalissa wkoll. Għax hekk hi n-natura tal-bniedem...

    Daħla – L-Aħħar Mara tat-Torri

    Ela stenbħet maħsuda. Idejha marru minn jeddhom għal fuq żaqqha, kbira u minfuħa biex isserraħ moħħha li kienet għadha hemm. Bdiet thewden dwar x’seta’ qajjimha.

    Mit-tieqa, dawl qawwi mela l-kamra għal anqas minn sekonda. Id-dlam ġie lura, donnu aktar qawwi minn qabel. Imbuttat lilha nnifisha fuq minkbejha u ttawlet mit-tieqa fuq ix-xellug tagħha. Barra kienet għaddejja maltempata bir-ragħad, siekta għalkollox–il-ħġieġ oħxon ħa ħsieb imewwet il-ħsejjes. Ħasbet li forsi kien id-dawl tal-beraq li qajjimha u propju dak il-ħin kien hemm leħħa oħra fil-qrib li għal darb’oħra xegħlet il-kamra kollha. Għal ftit waqtiet lemħet il-qtar tax-xita ma’ barra tal-ħġieġ.

    Tebqa t’għajn wara ħassitu. L-uġigħ inħass irqiq għall-bidu, bħal fastidju ċkejken. Iżda mbagħad beda jitqawwa u jitqawwa ma’ kull nifs, sakemm indunat li kien dak li tellfilha ngħasha–uġigħ akut fin-naħa t’isfel ta’ daharha. Għadda bħalma beda, f’salt. Ħasset ċaqliqa taħt il-pala t’idha u tbissmet bħalma kienet tagħmel kull meta tħoss dawk id-daqqiet ċkejknin. Iżda dik it-tbissima malajr sfumat fix-xejn hekk kif l-uġigħ tfaċċa mill-ġdid, din id-darba b’aktar qawwa. Minn bejn xofftejha ħarbitilha karba baxxa u twila.

    Indunat x’qed jiġri, u xaqq l-għaraq għaliha. Kif jista’ jkun daqshekk kmieni, ħasbet Ela. Suppost kien fadlilha għaxar ġimgħat nieqes jumejn. Il-ġranet kienet drat tgħoddhom sal-anqas siegħa.

    Mingħajr ma qamet, għolliet idha x-xellugija ’l fuq sakemm laqtet parti mill-ħajt ta’ fuq il-komodina. Dawl fietel, ftit safrani, xegħel il-kamra minn warajha. Qamet bilqiegħda fis-sodda stess. L-uġigħ reġa’. Irqiq, akut. Twieha fi tnejn. Qalet lilha nnifisha biex tikkalma, iżda ppanikjat xorta waħda.

    Fuq wara tal-komodina kien hemm buttuna mqabbża. Għafsitha. Ftit tas-sekondi wara, il-bieb tal-kamra nfetaħ b’ħoss baxx, donnu t-tħaxwix ta’ żewġ biċċiet drapp iħokku ma’ xulxin. Daħal ġuvni, Kari, wieħed mill-qbiela li kienu xogħol dak il-lejl.

    Bi tbissima staqsieha x’inqala’. Fil-ħames xhur li kien ilha torqod f’dik il-kamra, ma kinitx l-ewwel darba li sejħitlu għal xi tazza ilma kiesħa f’nofs ta’ lejl, jew inkella biex jgħidu kelma għax ma tkunx tista’ tagħlaq għajn m’għajn. Kien dħuli u qalbu tajba, u kienet tieħu gost bil-kumpanija tiegħu.

    Iżda malli ra wiċċha miksur bl-uġigħ, it-tbissima telqitlu minn fuq fommu. Ġera għal ħdejha, inkwetat.

    Ħatfitlu idu x-xellugija. Talbitu jsejjaħ lil Lor, biex jgħaġġel, għax it-tarbija kienet ġejja.

    Kari ma fehemx mill-ewwel. Ikkonfonda. Staqsa kif jista’ jkun li t-tarbija se titwieled daqshekk kmieni. Iżda Ela assiguratu li kienet taf x’inhi tgħid. Ma kellha ebda dubju. Reġgħet talbitu jgħajjatlu, din id-darba b’leħen aktar qawwi, nifisha maqtugħ.

    Għaddiet eternità qabel iż-żagħżugħ reġa’ tfaċċa mill-bieb, din id-darba b’tabib xwejjaħ miegħu. Lor ma staqsa xejn. Mexa dritt lejn is-sodda u beda jmiss żaqq Ela bil-mod, idejh sħan, jagħfas f’xi postijiet biex iħoss fejn qiegħda t-tarbija fil-ġuf. Talabha terġa’ timtedd u tgħolli ftit irkupptejha ħalli jkun jista’ jeżaminaha aħjar. Minuta kollox. Meta lesta dar fuq Kari, li kien baqa’ bilwieqfa warajh qisu statwa tal-irħam.

    Ordnalu jmur iqajjem lill-istaff mediku, imbagħad imur ilesti l-kamra tal-ħlas. Qallu biex jgħaġġel. It-tarbija kienu se jarawha ma jdumux. Kari telaq. It-tabib ħares lejn it-tfajla u tbissmilha.

    M’hemmx għalfejn tinkwieta, qalilha bil-ħlewwa. Neħħielha xagħarha minn quddiem għajnejha u pprova jserrħilha rasha li għalkemm forsi t-tarbija kienet ġejja qabel il-waqt, kollox kien se jmur b'wiċċ il-ġid. Iċċajtha magħha li dan kien qed jiġri għax it-tarbija xebgħet hemm ġew u riedet toħroġ għad-dawl. Ħasbet f’xi isem għat-tarbija?

    Daħket, nervuża. Le, ma kinitx ħasbet f’ismijiet. Kienet taf li dan il-waqt xi darba jew oħra kellu jasal, iżda ppretendiet li jkun ħafna aktar tard, meta jkun għalaq iż-żmien.

    Meta xhur qabel staqsewha jekk titħajjarx tagħti sehemha biex tiżgura l-ġejjieni tar-razza tagħhom, aċċettat bi ħġarha, minkejja l-biżgħat li kellha. Wara kollox, kienet taf li xi darba se jistaqsuha. Kienet biss kwistjoni ta’ żmien. Kienet ilha tistennieha sa minn meta kellha żmien biżżejjed biex tifhem kif il-bnedmin jitkattru. Riduha tkun omm il-ġenerazzjoni l-ġdida tan-nies tat-torri, ċittadini ta’ ġejjieni pjuttost stramb. Kienet għadha żgħira, almenu hi hekk kienet tħossha, avolja t-tobba kollha kienu serrħulha rasha kemm-il darba li ġisimha tajjeb għat-tfal. Tajjeb biex iġġib fid-dinja lil uliedha, li kienu ddestinati li jsiru l-ġejjieni tal-umanità.

    Ela kienet l-aħħar tfajla fit-torri, u l-ġejjieni ta' dawk kollha li kienu jgħixu f'dak il-post kien jiddependi kollu minnha. Kienet l-aħħar tama f’dinja fejn it-tama u kwalunkwe ħaġa oħra nqerdet għalkollox. Maħsuda mill-minġel kiefer ta’ gwerra nukleari.

    Imma issa kien wasal il-waqt tal-verità. Issa beda l-biża’ veru u x’aktarx li Lor seta’ jinduna b’dan kollu mill-ħarsa f’għajnejha. Ċaqalquha għal ġo kamra oħra f’dak l-istess sular fejn kien hemm il-klinika, kamra kiesħa silġ, mingħajr twieqi, kollha apparat stramb ipetpet, għodod u riħa qawwija ta’ mediċina.

    L-uġigħ issa kien qed isammarha mas-sodda u bdiet tgħajjat bla mistħija kull darba li tiġi l-weġgħa. It-tabib kien qed jerġa’ jagħmlilha eżami filwaqt li semgħetu jiddiskuti mat-tobba l-oħra.

    Talabha tistaporti. Ħeġġiġha biex iżżomm sod. Kienet se teħles fi ftit ħin, qalilha bil-mod, leħnu baxx baxx, u fissrilha li issa ma seta' jagħtiha xejn għall-uġigħ. Kien tard wisq mid-dehra, u riedu jevitaw li jagħmlu ħsara lit-tarbija. Kien se jkollha twelled kif kienu jagħmlu dari. B'idejh fuq tagħha, qalilha biex ma tibża’ xejn. Il-ġisem ta’ mara għalhekk kien maħluq, u dak l-uġigħ ma kien xejn ħlief parti mill-proċess biex jgħin lit-tarbija tagħha toħroġ minn ġo fiha.

    Kliemu iżda ma kienx ta’ faraġ. Hi kulma kienet tifla żgħira u mhux mara. L-uġigħ wara kollox hi kienet qed tħossu mhux hu. Għaddew mitt elf ħsieb minn ġo rasha dak il-ħin, fosthom mistoqsija li għaliha ma kellhiex tweġiba. X’mort għamilt b’idejja?

    Daħlu aktar tobba, kulħadd liebes il-maskri, ingwanti u ġagagi twal, kollha mħabbtin b’ħaġa jew b’oħra f’dik il-kamra li ma kinitx kbira wisq. Kienet taf lil kull wieħed minnhom, iżda rrealizzat li b’dawk il-maskri quddiem ħalqhom u l-barnużi fuq xagħarhom kienu qishom barranin għaliha.

    Lor qalilha biex tagħmel kif jgħidulha, biex tafda fihom. Tenna li kollox kien se jmur b’wiċċ il-ġid.

    Iżda moħħ Ela kien band’oħra, maqful f’dinja li ħolqot għaliha nfisha, dinja magħmula minn uġigħ u tbatija. Ma kien jimpurtaha minn xejn u ma kienet konxja ta’ xejn aktar. Xejn ħlief l-uġigħ li kienet qed tħoss. In-nies madwarha kienu qishom ħoss antipatku fl-isfond. Ma ħasset xejn milli għamlu t-tobba, lanqas biss semgħethom jgħidulha biex tieħu nifsijiet kbar ’il ġewwa mbagħad titlaqhom f’salt, u lanqas biex tistenna u timbotta biss meta jgħidulha huma.

    Intilfet. Ma felħitx aktar. Ma setgħetx tistenna aktar. Ħasset il-bżonn li timbotta b’kemm kellha saħħa u hekk għamlet, l-aqwa li teħles minn dak l-uġigħ. Imbuttat u mbuttat, tkeċċi l-uġigħ ’il bogħod kemm tiflaħ.

    U fl-aħħar ħassitha titbattal. Ħakmitha bħal diqa hekk kif xi ħaġa ħarġet minn ġewwa fiha. Semgħet bikja ta’ tarbija, imma hi kienet diġà ’l bogħod, issa ħafifa rixa, titbiegħed u titbiegħed, sejra ’l fuq, ittir, għajnejha magħluqin f’raqda ta’ paċi u mistrieħ sħiħ.

    Ela, t-tifla, l-omm, welldet tifel qabel iż-żmien. Wieħed biss. Imbagħad daqshekk. Għalqet għajnejha għal dejjem.

    L-Ewwel Parti

    Il-Ħerba

    1 – Taħt it-Tifrik

    Il-ġebla kbira li kien ilu jipprova jċaqlaq, fl-aħħar ċediet taħt is-saħħa ta’ dirgħajh u kixfet dak li kien hemm taħtha. Telqet titgerbeb ’l isfel mal-ġenb tal-borġ terrapien li kien qed jaħdem fuqu. Il-ħoss kien qawwi u dewa għal ftit ħin qabel ma miet bil-mod. Id-daħna kbira ta’ trabijiet li telgħet ’il fuq malajr intilfet mar-riħ qawwi mix-Xlokk.

    Twaqqaf dritt, sidru juġgħu bl-istrapazz u għal ftit ħin ħares madwaru. ’L isfel l-ewwel, minn fejn kien tela’, imbagħad tefa’ ħarstu aktar ’il bogħod, għax fejn kien qiegħed kien fil-għoli biżżejjed biex jara kważi d-dawra kollha. Ma kien inbidel xejn, ebda ċaqliqa qalb il-bruġ ta’ terrapien u djar imwaqqgħin li kienu jibqgħu sejrin sakemm seta’ jara b’għajnejh, sat-torri jleqq fil-bogħod, u anki lil hinn minnu.

    Minn fuq il-maskra prottettiva, par għajnejn qishom żibeġ suwed ħarsu lejn sema

    Enjoying the preview?
    Page 1 of 1